Jibda jinħareġ u jintrama d-drapp

Ilbieraħ inħareġ id-drapp kollu li ser jintrama f’Birżebbuġa.  Intrama x-xatt kollu bil-bandalori u l-bnadar.

Grazzi lil kull min tana daqqa t’id biex noħorġu u narmaw id-drapp.  Min ikun jista’ jagħtina daqqa t’id biex intellgħu d-drapp jikkuntattjana ħalli ma nbatux.  Tkun apprezzata mmens.

Jiġi ppreparat id-drapp u jitwaħħlu l-pitturi l-ġodda tal-Papiet (Festa 2014)

Nippreparaw id-drapp biex minn għada nibdew ntellgħu. Bdew ukoll jitwaħħlu l-pitturi l-ġodda, xogħol ta’ Mario Baldacchino.

3 Pitturi Ġodda għall-Bandalori tal-Pjazza – Festa 2014

Dawn huma t-3 pitturi ġodda li saru din is-sena minn Mario Baldacchino ta’ Ħal Qormi li juru lil Pio XIII, Papa Ljun XIII u Papa Pio IX.

Armar Ġdid għall-Festa 2014 San Pietru Birżebbuġa

Il-festa reġgħet magħna u, bħala Grupp tal-Armar tal-festa, komplejna bil-ħidma tagħna biex bħas-soltu nżanżnu armar ġdid għaż-żmien tal-festa.

Il-ħidma tagħna komplejniha fuq l-armar tal-pjazzi.  Fil-fatt, bħalissa, meta qed niktbu dan l-artiklu, għadu għaddej ix-xogħol fuq il-pitturi tal-aħħar żewġ bandalori tat-trofej li qed isiru mill-artist Għawdxi Manuel Farrugia.  Meta jkunu lesti dawn il-pitturi, dan is-sett ta’ sitt bandalori jkun komplut.

L-artist Għawdxi, George James Cutajar Żahra, qed jaħdem ukoll fuq l-isfumar ta’ sitt bandalori oħra mill-kbar tal-pjazza u b’hekk issa ser ikollna erbatax-il waħda lesti minn sett ta’ wieħed u għoxrin bandalora.  Apparti l-isfurmar, l-istess pittur qed ipitter ukoll l-armi tal-Papiet ta’ kull bandalora, kif ukoll jisfuma s-sopraporti.  Is-sitt sopraporti ta’ din is-sena reġgħu nħadmu minn Alexander Caruana mgħejjun minn ibnu Peterpaul.

Fl-istess żmien, il-pittur minn Ħal Qormi, Mario Baldacchino, qed ipitter erba’ Papiet oħra u din is-sena ser jagħmel il-Papiet Piju XII, Ljun XIII, Piju IX u Gregorju XVI.  Dan ifisser li jekk dawn jitlestew ikollna seba’ pitturi lesti mis-sett ta’ wieħed u għoxrin bandalora.

Barra minn hekk, komplejna wkoll ix-xogħol fuq it-trofej.  Fuq dan il-proġett għad fadal l-iskultura imma din hemm il-ħsieb li ssir ftit, ftit għax tirrekkjedi ħafna xogħol.  Bħala restawr, Joe Abdilla ħa ħsieb li jkompli jiżbogħ parti oħra mill-antarjoli.  Qed naħdmu wkoll biex inlestu sal-festa l-kamra li ser tkun bħala store għall-bandalori kollha tal-pjazza biex dawn jibqgħu mdendla s-sena kollha u b’hekk ma ssirx ħsara lill-pittura.

Kif tistgħu taraw, dan kollu xogħol li jsir b’tant sagrifiċċji.  Nixtiequ nagħmlu ħafna iktar imma għajnuna nsibu ftit wisq u għalhekk ħafna ħwejjeġ idumu ħafna biex jitlestew.  Dan apparti li ndumu ħafna biex narmaw u biex inżarmaw.  Ix-xewqa tagħna hija li nagħmlu iktar għax, kull ma jgħaddi ż-żmien, il-paval]uni u l-bandalori li għandna qed jeqdiemu u dalwaqt ikollna bżonn nibdluhom.

Għalhekk inħeġġu lil kull min jixtieq li jagħti l-għajnuna, kemm materjali kif ukoll finanzjarja, biex javviċina lill-Kappillan jew lil xi wieħed minna biex inkunu nistgħu nibqgħu naħdmu biex l-armar tal-festa jkun isbaħ.

Fl-aħħarnett, nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk kollha li jagħtuna l-għajnuna tagħhom, speċjalment lil Anthony Bonnici, Joe Caruana u Benny Camilleri li dejjem jiġu bit-trakkijiet u l-inġenji tagħhom, kif ukoll lir-Roc-A-Go li jislifna l-inġenji tiegħu kull sena u lil dawk kollha li jagħtu sehemhom biex inkunu nistgħu narmaw u nżarmaw l-armar kollu.  Tajjeb ukoll insemmu lill-ħajjata li jagħmlu tant xogħol b’dedikazzjoni kbira.  Grazzi speċjali tmur lis-Sindku u lill-Kunsill Lokali tal-għajnuna u l-koperazzjoni tagħhom.

Nieħdu wkoll din l-opportunità biex nawguraw il-festa t-tajba lill-poplu kollu ta’ Birżebbuġa, speċjalment lil dawk li minħabba raġuni jew oħra ma jistgħux igawdu l-festa magħna.  Awguri wkoll lil dawk kollha li, għalkemm m’humiex minn Birżebbuġa, ta’ kull sena jiġu jiċċelebraw din il-festa magħna.

Il-festa tal-Katedra ta’ San Pietru – 22 ta’ Frar 2014

San Pietru Appostlu jiddomina u jipproteġi l-parroċċa tiegħu ta' Birżebbuġa.  Din hija biċċa xogħol maħduma bil-ġibs u charcoal mill-artist Mariorick Mifsud.  Din hija biċċa xogħol fl-arti sabiħa ħafna u hija proprjetà ta' Ludwig Desira.

San Pietru Appostlu jiddomina u jipproteġi l-parroċċa tiegħu ta’ Birżebbuġa. Din hija biċċa xogħol maħduma bil-ġibs u charcoal mill-artist Mariorick Mifsud. Din hija biċċa xogħol fl-arti sabiħa ħafna u hija proprjetà ta’ Ludwig Desira.

Bħalma hija tradizzjoni f’Birżebbuġa nhar is-Sibt li ġej taħbat il-festa tal-Katedra ta’ San Pietru Appostlu, il-festa li fiha l-insara Kattoliċi jistqarru l-ubbidjenza tagħhom lejn l-awtortà tal-Papa.  Din hija festa għal qalb ħafna n-nies ta’ Birżebbuġa u issa ilha snin sħaħ tiġi ċelebrata.  Il-vara  titulari, devota u artistika ta’ San Pietru diġà tinsab barra għall-qima tal-poplu ta’ Birżebbuġa.

Il-qofol tal-festa se jintlaħaq is-Sibt li ġej b’quddiesa kantata bil-kant tal-għasar votiv li tibda fis-6:30pm.  Din is-sena ċ-ċelebrant se jkun l-Isqof Emeritus Ġużeppi Mercieca.

Nagħmlu appell biex temp jippermetti, dawk dilettanti u devoti ta’ San Pietru jtellgħu l-bnadar tagħhom biex nagħtu venerazzjoni xierqa lill-Patrun tagħna l-Kbir Appostlu San Pietru.

Aktar ħidma fl-armar fis-sena taċ-Ċentinarju tal-2013

Reġgħet waslet il-festa titulari u din is-sena, bħala Grupp tal-Armar, komplejna bil-ħidma tagħna biex bħas-soltu nżanżnu armar ġdid ħalli nkomplu nsebbħu l-pjazez u t-toroq tagħna. Din is-sena wkoll, peress li f’Settembru ser niċċelebraw iċ-ċentinarju tal-parroċċa, ħsibna biex nerġgħu narmaw xi ħaġa wkoll għal din l-okkażoni speċjali.

Komplejna l-ħidma tagħna fil-bandalori tal-pjazza. S’issa diġa’ għandna żewġ pitturi lesti mill-pittur Għawdxi Manuel Farrugia li ġa lestilna l-pitturi tal-Papiet Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu I u għadu qed jaħdem fuq l-aħħar żewġ pitturi ħalli b’hekk is-sett tat-trofej ikun lest. Barra minn hekk, il-pittur Mario Baldacchino minn Ħal Qormi pittrilna l-pitturi tal-Papiet Benedittu XV u Piju X li ser jitwaħħlu mal-bandalori l-kbar tal-pjazza. Min-naħa l-oħra, l-pittur Għawdxi George James Cutajar Zahra qed jisfumalna sitt bandalori oħra ħalli b’hekk din is-sena jkollna tmin bandalori mill-kbar sfumati. Huwa wkoll qed ipitter is-sopraporti tagħhom li nħaddmu minn Alex Caruana.

Bħala xogħol ta’ manutenzjoni, Joe Àbdilla ħa ħsieb li jiżboħ ammont kbir ta’ arbli speċjalment dawk tal-pjazza li, apparti biex jidhru isbaħ, huwa iktar importanti li nieħdu ħsiebhom għax dawn huma tal-injam u jiswew ammont konsiderevoli ta’ flus.

Hemm il-ħsieb ukoll li nibdew naħdmu liedna ġdida għall-pjazza u nibdew nibdlu l-bandalori tax-xatt li kull ma jmur qed jispiċċaw. Ovvjament dan ix-xogħol jista’ jsir fuq perjodu ta’ żmien għax jinvolvi ħafna xogħol u ħafna spejjeż.

Għalhekk jekk hawn min ikun jista’ jgħinna, finanzjarjment jew materjalment, huwa mitlub jikkuntattja lill-kappillan jew lil xi wieħed minna. Kull għajnuna tgħodd u hija apprezzata.

Fl-aħħarnett nixtequ nirringrazzjaw lil dawk kollha li jagħtuna l-għajnuna tagħhom speċjalment lil Anthony Bonnici, Joe Caruana u Benny Camilleri li dejjem jiġu bit-trakkijiet tagħhom, kif ukoll lir-Rock a Go li jislifna l-inġenji tiegħu kull sena u lil dawk kollha li jagħtu sehemhom biex inkunu nistgħu narmaw l-armar kollu.  Nirringrazzjaw lil Philip Carabott u Joe Abdilla li qed jieħdu ħsieb jikkordinaw l-armar.

Nieħdu wkoll din l-opportunita’ biex nirringrazzjaw lill-Kappillan.  Fl-aħħarnett nawguraw l-isbaħ xewqat għall-festa t-tajba lin-nies ta’ Birżebbuġa u lil dawk li jiġu jżuruna.

L-armar għall-festa tas-Sena 2012

Reġgħet waslet il-festa titulari u tajjeb li nagħtu ftit tagħrif dwar dak li sar fil-qasam tal-armar tal-festa.

Kif tafu, s-sena l-oħra konna tajna bidu għall-pittura u l-isfumar tal-bandalori l-ġodda tal-pjazza. Dan il-proġett kompla għaddej ukoll tul din is-sena. Fil-fatt għandna ppjanat li għall-festa l-pittur Għawdxi Manuel Farrugia jilħaq ipittrilna lill-Papa Beatu Gwanni Pawlu II fuq waħda mill-bandalori tat-trofej, kif ukoll lill-Papiet Benedittu XV u l-Papa San Piju X fuq il-bandalori l-kbar. Barra minn hekk, il-pittur Għawdxi George James Cutajar Zahra qed jaħdem fuq l-isfumar tal-erba’ bandalori tat-trofej li baqa’, u tnejn oħra mill-kbar, kif ukoll tal-pittura tas-sopraporti tagħhom, liema sopraporti nħadmu minn Alex Caruana.

L-iskultur Renzo Gauci qed jaħdem ukoll partijiet oħra mill-iskultura tat-trofej, filwaqt li x-xogħol tal-fibre glass qed jinħadem minn Lorry Coleiro. Apparti dan, Alex Caruana qed jindura u jirħama l-aħħar tliet skudetti bl-armi tal-Papiet Ġwanni Pawlu I, Gwanni XXII u Piju XII.

Min-naħa ta’ manutenzjoni, Joe Abdilla u voluntiera oħra żebgħu l-arbli ta’ Triq Żaren Dalli u saru ħbula ġodda għall-arbli tal-pjazza.

Proġett ieħor importanti kien dak tal-kamra tal-bandalori. Fuq parir tal-pitturi li semmejna aktar qabel, inbniet kamra fil-maħżen tal-armar li fiha jintrefgħu l-bandalori l-ġodda tal-pjazza biex b’hekk il-pittura tibqa’ miftuħa s-sena kollha. Il-kamra nbniet minn Mario Bonnici u tkaħħlet minn Henry Bonnici, filwaqt li l-ħadid qed isir minn Martin Portelli u Alex Caruana. B’hekk jiġi żgurat li ma ssir l-ebda ħsara lill-bandalori l-ġodda meta dawn jintrefgħu.

Wieħed jinnota ammont sabiħ ta’ żgħażagħ li qed jieħdu ħsieb jarmaw. Anthony Bonnici, Joe Caruana u Benny Camilleri joffru t-trakkijiet tagħhom għall-ġarr tal-armar. Filwaqt li nirringrazzjaw lil dawn kollha, nagħmlu appell lil persuni oħra biex fejn jistgħu jagħtu daqqa ta’ id għax ix-xogħol tal-armar żdied ġmielu u ħafna drabi qed jaqa’ fuq l-istess nies. Billi l-armar ta’ barra hu espost għall-elementi tan-natura, minkejja li ssirlu manutenzjoni kontinwa, xorta jasal żmien meta jkun hemm bżonn jinbidel. Dan jgħodd l-aktar għad-drapp. Fi ftit żmien ieħor irridu nibdew naħsbu biex nibdlu bandalori u pavaljuni li xi wħud minnhom saru fl-1979 u 1980. Dan kollu jfisser spejjeż kbar u ma jistax isir jekk ma nsibux min jgħinna fil-ħjata u fil-finanzi. Kull donazzjoni għandha tintbagħat lill-Kappillan u tingħata rċevuta.

Nawguraw l-isbaħ xewqat għall-festa lil kulħadd, speċjalment lil dawk li saħħithom jew ċirkostanzi oħra ma jippermettulhomx ikunu magħna fiżikament iżda żgur spiritwalment. San Pietru jberikna u jagħti lil kulħadd dak li għandu bżonn.

X’sar fl-armar fis-sena 2011

Il-festa reġgħet magħna u tajjeb li kif nagħmlu kull sena nagħtu daqsxejn tagħrif dwar dak li sar fil-qasam tal-armar ta’ barra li jintuża fil-jiem tal-festa mill-Grupp tal-Armar tal-Parroċċa tagħna.

Kif konna għidna, s-sena l-oħra beda x-xogħol fuq il-pittura tal-bandalori l-ġodda tal-pjazza mill-pitturi Għawdxin Manuel Farrugia u George James Cutajar Zahra. Manuel Farrugia qed jagħmel il-pittura tal-Papiet filwaqt li George James Cutajar Zahra qed jieħu ħsieb l-isfumar, il-pittura tal-faxxa bl-isem tal-Papiet, tal-armi tal-Papiet, kif ukoll tas-sopraporti. Is-sopraporti qed jinħadmu minn Alex Caruana u saru ta’ daqs li jkunu jistgħu jintramaw u jiżżarmaw bl-inqas problemi peress li kif nafu, meta jqum ir-riħ fil-festa, jkun diffiċli li f’ħin qasir iżżarma l-bandalori fi pjazza daqshekk kbira.

Il-bandalori kompluti jiswew 500 Euros filwaqt li ż-żgħar 450 Euros-il waħda. Ħafna mix-xogħol tagħhom, bħalma huma t-tifsil u l-ħjata tagħhom, li saru mis-sinjura Charlotte Caruana, sar mingħajr ħlas. B’kollox għandna 21 bandalora mill-kbar u 6 miż-żgħar. Kif kien pjanat, għall-festa tal-Katedra ta’ San Pietru, ġiet esebita bandalora lesta fil-Knisja li ntlaqgħet tajjeb ħafna. Issa l-ħsieb hu li sa din il-festa jkollna lesti żewġ bandalori oħra, waħda mill-kbar tal-Papa Piju XI u dik miż-żgħar, jiġifieri tat-trofej tal-Papa Benedittu XVI.

Jekk hawn min jixtieq jisponsorja xi waħda minn dawn il-bandalori huwa mitlub jikkuntattja lill-kappillan jew lil xi membru tal-Grupp tal-Armar. Jinkiteb ismu fuq wara tal-bandalora.

Apparti dawn, Alex Caruana qed jindura u jirħama żewġ skudetti oħra tat-trofej li fuqhom ser jitpittru l-armi tal-Papa l-Beatu Ġwanni Pawlu II u tal-Popa Pawlu VI.

Saru wkoll globi ġodda bid-dawl għall-arbli tar-roundabout ta’ San Ġorġ u ċrieki tal-liedna sofor u bojod maħduma minn Francesco Barbara. Qed issir ukoll liedna ġdida maħduma volontarjament mis-Sezzjoni Żgħażagħ tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa għal Triq San Patrizju.  Bħala manutenzjoni ġew miżbugħa l-arbli kollha tax-xatt, liema xogħol sar minn Joe Abdilla, Eman Farrugia u Chris Camilleri.

Il-Grupp Armar tal-festa jixtieq jirringrazzja lil dawk kollha li qed jgħinu fl-armar fosthom lis-sinjuri Benny Camilleri, Anthony Bonniċi u Joe Caruana li dejjem jiġu bit-trakkijiet tagħhom iġorru l-armar u lil dawk kollha li qed jagħtu sehemhom, fosthom żgħażagħ miż-żewġ każini tal-banda. Kif kulħadd jaf, Birżebbuġa hija kbira u aktar kemm ikun hemm min jgħin aktar it-tbattja tonqos. Dan jgħodd ukoll meta niġu biex inżarmaw. Aktar kemm ikun hemm għajnuna, aktar inżarmaw malajr u anqas tiġri ħsara lill-armar.

Id-ditta Melita Unipol għoġobha tisponsorja flokkijiet ġodda bl-arma tal-Grupp tal-Armar li se jiġu wżati minn dawk li jkunu qed jarmaw għall-festa. Nieħdu din l-okkażjoni biex nirringrazziaw lill-isponsors l-oħra li jgħinu finanzjarjament.

Fl-aħħarmett nixtiequ minn qalbna li l-festa tibqa’ ġġib għaqda u ferħ lill-poplu kollu ta’ Birżebbuġa, speċjalment lil dawk li minħabba ċirkostanzi diversi, ma jistgħux jaqsmu dan il-ferħ magħna. J’Alla l-Mulej, bl-interċessjomi tal-Patrun tagħna San Pietru, jixħet fuqhom il-ferħ veru li jimlielhom qalbhom għaż-żmien li ġej.

Iktar Armar għall-festa 2010

Reġgħet waslet il-festa titulari ta’ San Pietru fil-Ktajjen u bħal kull sena erġajna għamilna l-almu tagħna biex inkomplu nsebbħu l-armar il-ġdid tal-pjazza li issa ilna naħdmu fuqu għal dawn l-aħħar snin.

Din is-sena tajna bidu għall-induratura tal-pumi tal-bnadar tat-trofej. Dawn saru minn Eman Farrugia li wkoll kompla jindura parti mill-induratura tal-pedestalli tal-anġli. Fir-rigward tat-trofej ġew mibdula l-ħadid fejn jidħlu l-bnadar fejn għamilna sistema iktar faċli biex narmawhom u nżarmawhom.

Imbagħad l-iskudetti ġew magħluqa mill-ġnub bil-fibre glass u ġew irfinati u ppreparati biex jiġu ndurati u rħamati. Peress li dis-sena għamilna ħafna xogħol volontarju fil-knisja, għal dan ix-xogħol qabbadna lil Lorry Coleiro li għamlilna biċċa xogħol verament tajba fejn anke rfinalna l-biċċiet it-tondi li jintramaw taħt l-iskudetti. Bħalissa Alex Caruana, taħt is-superviżjoni tal-iskultur Renzo Gauci li kien iddisinja dawn it-trofej fis-sena 2002, ta bidu għall-induratura u irħamar tal-ewwel skudett bl-arma tal-Papa preżenti l-Q.T, Benedlttu XVI.

Apparti dan, qed isiru 10 kruċetti ġodda għall-pjazza b’iktar armi ta’ San Pietru. Dawn qed jinħadmu minn Chris Camilleri, Eman Farrugia u Alex Caruana. Il-ħadid għalihom sar minn Tony Pulis.

Wara li s-sena l-oħra lestejna l-ħjata tal-bandalori l-ġodda tal-pjazza, b’kollox 27 li nħietu b’xejn minn Chorlotte Caruana, għamilna bosta kuntatti ma’ pitturi famużi biex nagħtu bidu għall-pittura u l-isfumar tagħhom. Fl-aħħar, l-għażla waqgħet fuq żewġ pitturi Għawdxin verament bravi li b’xogħolhom qed isebbħu l-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin. Dawn huma l-pittur Manuel Farrugia li ser ipitter il-Papiet kollha u l-pittur George James Cutajar Zahra li ser jagħmel l-isfumar tagħhom. Dan ix-xogħol għandu jibda minn wara l-festa ta’ din is-sena. Huwa stmat li biex inlestuhom kollha rridu naqbżu s-somma ta’ €12,000. Għalhekk, jekk hawn min jixtieq li jisponsorja xi waħda minnhom, huwa mitlub javviċinana u aħna niktbulu ismu fuq l-istess bandalora. Nistgħu nserrħu moħħ kulħadd li la jkunu lesti nkunu nistgħu ngħidu li għandna sett bandalori mill-isbaħ li żgur ser isebbħu l-pjazza kbira tagħna.

Joe Abdilla kompla l-manutenzjoni ta’ bosta antarjoli. Nixtiequ nirringrazzjaw lil Anthony Bonnici, Joe Caruana u Benny Camilleri li s-sena kollha jġorrulna l-armar bit-trakkijiet tagħhom. Ringrazzjament speċjali jmur ukoll lill-Kunsill Lokali li dejjem ikun ta’ għajnuna għalina. Nixtiequ wkoll nirringrazzjaw lil dawk li qed jiġu jarmaw fosthom Simon Galea u żgħażagħ miż-żewġ każini tal-baned lokali. J’Alla s-sehem ta’ dawn iż-żgħażagħ jkompli jikber u jkompli jsaħħaħ l-għaqda fir-raħal tagħna biex b’hekk flimkien inkomplu naħdmu ħalli nagħmlu festa waħda lill-Patrun tagħna San Pietru.

Ix-xewqa tagħna hija li jkun hawn iktar min jinteressa ruħu fl-armar għax għandna bżonn ħafna għajnuna peress li Birżebbuġa hija kbira u m’aħniex inkunu biżżejjed biex narmaw bil-kumdita’. Apparti dan, ħafna mill-armar qed jeqdiem u għandu bżonn restawr u xi armar, speċjalment pavaljuni, jrid jinbidel. Ix-xewqa tagħna hija li jerġa’ jkollna x-xorti li ninzertaw ġranet bi ftit riħ ħalli nkunu nistgħu nerġgħu narmaw kollox għalkemm dan ma jiddependix minna. Jekk hawn min jixtieq jagħti l-għajnuna tiegħu, huwa mħeġġeġ javviċina lill-kappillan jew lil xi wieħed minna. Nirringrazzjawkom bil-quddiem.

Fl-aħħarnett nixtiequ nawguraw minn qalbna l-isbaħ xewqat lil kulħadd għall-festa ad unur il-Patrun tagħna San Pietru fil-Ktajjen li ġġib magħha l-ferħ u l-għaqda fost il-poplu kollu ta’ Birżebbuġa.

L-armar tagħna fis-Sena 2009

Reġgħet qorbot il-festa u bħal kull sena nwasslulkom ftit informazzjoni dwar dak li nkunu għamilna bħala Grupp ta’ 1-Armar bi preparazzjoni għall-festa ta’ din is-sena.

Kellna sena oħra ta’ ħidma kbira minkejja li nkunu ftit nies matul is-sena. Fost ix-xogħlijiet li għamilna kellna l-irħamar mill-ġdid tat-trofej li ilu għaddej iktar minn seba’ xhur. Il-kuluri ġew magħżula u mħallta minn Renzo Gauci li hu wkoll id-disinjatur tat-trofej filwaqt li l-irħamar sar minn Alex Caruana.  Issa sena oħra jkun għad fadal l-iskudetti tagħhom li jridu jiġu ndurati. Kien għad fadal ftit xogħol ta’ l-injam li tlesta minn Joe Cutajar. Imbagħad ikun jonqos li tinħadem l-iskultura u ssir tal-fibre glass u tiġi ndurata qabel ma titwaħħal.

Komplejna nagħmlu iktar kruċetti ġodda għall-arbli tal-pjazza bl-arma ta’ San Pietru fil-Ktajjen bħalma għamilna f’dawn l-aħħar sentejn. Dawn ħadmu fuqhom Chris Camilleri, Alex Caruana, Eman Farrugia u Etienne Zahra. Fir-rigward tal-bandalori tal-pjazza, din is-sena ħitna l-aħħar tmienja u b’hekk lestejna s-sett ta’ 21 bandalora, kollha meħjuta b’xejn minn Charlotte Caruana. Tajjeb li ngħidu li l-Pinkish Line Photo Studio għoġobhom jisponsorjaw bandalora oħra din is-sena, l-oħrajn tħallsu mill-Grupp ta’ l-Armar.  Għamilna wkoll żewġ antarjoli twal għaz-zuntier li ġew irregalati minn Peter Camilleru, li ta’ dan nirringrazzjawh. Inħadmu wkoll arbli ġodda għal Triq Żaren Dalli minn Lino Dalli.

Ta’ min isemmi wkoll li għall-festa tas-sena l-oħra ppreżentajna liż-żewġ baned lokali l-Innu Marċ ‘Ragħaj tal-Knisja’ li żżanżan minnhom stess waqt il-ħruġ tal-vara t-Tnejn, 28 ta’ Lulju, 2008.

Din is-sena wkoll, Joe Abdilla ħa bsieb li Jiżboħ l-arbli kollha tax-xatt u għamilna iktar arbli — għal Triq Żaren Dalli li din is-sena ser ikollha 26 bandalora u nistgħu ngħidu li ser tkun armata mill-Bajja ta’ San Ġorġ sal-pjazza.

Nixtiequ nirringrazzjaw lis-Sur Anthony Bonnici li s-sena kollha iġorrilna ħafna mill-affarijiet bit-trakk tiegħu u lil dawk kollha li jagħtuna l-għajnuna tagħhom, speċjalment waqt li nkunu qed narmaw, fosthom lil Joe Caruana u liż-żgħażagħ Benny Camilleri, Luke Portelli, Matthias Celeste, Edward Abdilla, Peter Abdilla u Benji Caruana li qed jgħinu wkoll fix-xogħol ta’ l-armar. Ringrazzjament speċjali wkoll imur lill-Kunsill Lokali li dejjem ikun ta’ għajnuna għalina.

Ix-xewqa tagħna hija li din is-sena jerġa’ jkollna temp sabiħ ħalli narmaw l-armar kollu imma dan ma jiddependix minna. Li jiddependi minna hu kemm ser insibu għajnuna. Kif tafu, Birżebbuġa hija kbira u hawn ħafna x’tarma. Għalhekk għandna bżonn ta’ iktar nies li jagħtu sehemhom ħalli nkunu nistgħu narmaw kollox. Nappellaw biex ta’ l-inqas tagħtuna l-għajnuna fl-aħħar ġranet u l-iktar meta nkunu ser inżarmaw. Infakkru li kull min jixtieq li jgħinna, kemm materjalment jew finanzjarjament, hu mitlub javviċina lil xi wieħed minna jew ikellem lill-Kappillan. Festa popolari bħal tagħna ma tistax tkun nieqsa mill-armar, iktar u iktar meta aħna għandna ħafna fejn narmaw u għalhekk importanti li nkunu wkoll ħafna biex narmaw. Nittamaw li xi darba dal-messaġġ jasal biex insolvu dil-problema li issa ilha fuq raħalna għal ħafna snin. Forsi din is-sena, li fiha qed niċċelebraw il-50 sena tal-vara titulari, nkunu nistgħu ngħidu li qed insibu l-koperazzjoni fil-qasam ta’ l-armar.

Fl-aħħarnett nixtiequ nawguraw minn qalbna l-isbaħ xewqat għall-festa li ġġib magħha l-ferħ u l-għaqda kif żgur jixtieq il-Patrun tagħna San Pietru.

iljuni

PARTITARJI LJUNI - Soċjeta Filarmonika San Pietru, Banda Birżebbuġa A.D. 1990

Għaqda Piroteknika 22 ta' Frar, Birżebbuġa, Malta

22 February Pirotechnic Society, Birżebbuġa, Malta

San Gorg Megalomartri, Birzebbuga .::+::. Blog

Just another WordPress.com weblog

Mater Dolorosa ::: L-ewwel Titular ta' Birżebbuġa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f'Birżebbuġa

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Birzebbuga Symphonic Band A.D. 1990, Malta.

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa

Għaqda Armar San Pietru, Birżebbuġa